X'inhi Festalingwi

Merħba għal Festalingwi - ċelebrazzjoni tal-lingwi u l-kulturi tal-Ewropa għal kulħadd.

Ingħaqad magħna nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru, minn nofsinhar sad-disgħa u nofs ta' filgħaxija, fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta għal programm imżewwaq u divertenti.  

Kull sena l-Ewropa tfakkar il-Jum Ewropew tal-Lingwi, li fih niċċelebraw il-wirt lingwistiku u kulturali tal-Ewropa.  

F’Malta, dan se nagħmluh billi ninġabru biex għal ġurnata, ingawdu u niskopru s-sabiħ li toffrilna l-lingwa, billi nippruvaw xi lingwa ġdida, nilagħbu logħba jew tnejn bi lsienna, u ngawdu mużika vivaċi f’atmosfera mill-isbaħ. 

Il-programm se jsir waranofsinhar, u min jiġi se jsib xi ħaġa x’jagħmel matul il-ġurnata kollha – sew hux billi jipprova lingwa ġdida bħall-Ispanjol, il-Ġermaniż jew il-lingwa tas-sinjali, jara spettaklu jew film, jieħu sehem fi kwiżż, jew saħansitra jipprova l-interpretazzjoni, sa ma jasal il-ħin tal-kunċert ta’ Ħoss il-Malti, bis-sehem tal-grupp maħbub Brodu u Sean Borg.  

Għat-tfal, għandna sessjonijiet ta’ qari għal etajiet differenti, spettakli teatrali minn More or Less Theatre u spettakli mużikali u teatrali minn Mariele Zammit, Justin Galea u Ġużè Camilleri. 

Fost il-lingwi differenti Ewropej li nistgħu nieħdu togħma tagħhom għandna l-Ispanjol, il-Franċiż, l-Ukren, il-Bask, kif ukoll il-lingwa tas-sinjali Maltija. Ma jistax jonqos ukoll li niċċelebraw l-ilsien Malti, bi programm bi lsienna li jinkludi Kwiżżikk, kwiżż dwar l-espressjonijiet Maltin, workshop imsejjes fuq il-ktieb Mela!, u l-finali tal-kompetizzjoni Żanżan Kelma

Ara l-programm fuq Facebook.


https://www.um.edu.mt/festalingwi2024/dwar/